Salzburg | |||
---|---|---|---|
Awstrija | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Awstrija | ||
Federal state of Austria | Salzburg | ||
Kap tal-Gvern | Harald Preuner (en) | ||
Isem uffiċjali | Salzburg | ||
Ismijiet oriġinali | Salzburg | ||
Kodiċi postali |
5020, 5023, 5026, 5061, 5071, 5081u 5082 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 47°48′00″N 13°02′42″E / 47.8°N 13.045°EKoordinati: 47°48′00″N 13°02′42″E / 47.8°N 13.045°E | ||
Superfiċjenti | 65.65 kilometru kwadru | ||
Għoli | 424 m | ||
Fruntieri ma' | Berchtesgadener Land (en) u Salzburg-Umgebung District (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 155,021 abitanti (1 Jannar 2020) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
0662 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Vilnius, Reims, Atlanta, Verona, León (en) , Dresden, Kawasaki, Merano, Shanghai, São João da Madeira (en) , Singida (en) , Busseto (en) , Bernu Lagos | ||
stadt-salzburg.at |
Salzburg (bil-Ġermaniż tal-Awstrija: [ˈsaltsbʊʁk], bil-Ġermaniż: [ˈzaltsbʊʁk]; litteralment tfisser "Kastell tal-Melħ"; bil-Bavarjan Awstrijaku: Soizbuag) hija r-raba' l-ikbar belt fl-Awstrija. Fl-2020 kellha popolazzjoni ta' 156,872 ruħ.[1][2]
Il-belt tinsab fuq is-sit tal-insedjament Ruman ta' Iuvavum. Salzburg ġiet stabbilita bħala sede episkopali fis-696 u saret is-sede tal-arċisqof fis-798. Is-sorsi prinċipali ta' introjtu tagħha kienu l-estrazzjoni tal-melħ, il-kummerċ u l-estrazzjoni tad-deheb. Il-Fortizza ta' Hohensalzburg, waħda mill-ikbar fortizzi Medjevali fl-Ewropa, inbniet fis-seklu 11. Fis-seklu 17, Salzburg saret ċentru tal-Kontroriformazzjoni, u nbnew bosta monasteri u knejjes Barokki.
Iċ-ċentru storiku ta' Salzburg (bil-Ġermaniż: Altstadt) huwa rinomat għall-arkitettura Barokka tiegħu u huwa wieħed mill-iżjed ċentri ppreservati tajjeb fit-Tramuntana tal-Alpi. Iċ-ċentru storiku tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3] Il-belt fiha tliet universitajiet u popolazzjoni kbira ta' studenti. It-turisti jżuru lil Salzburg biex jitpaxxew biċ-ċentru storiku tal-belt u bil-pajsaġġ Alpin xeniku tal-madwar. F'Salzburg twieled il-kompożitur tas-seklu 18 Wolfgang Amadeus Mozart, li jitqies bħala wieħed mill-ikbar kompożituri tad-dinja.
Fl-inħawi nstabu traċċi ta' insedjamenti umani li jmorru lura għan-Neolitiku. L-ewwel insedjamenti f'Salzburg li baqgħu jintużaw b'mod kontinwu sal-preżent milli jidher kienu bdew jintużaw miċ-Ċeltiċi għall-ħabta tas-seklu 5 Q.K.
Għall-ħabta tal-15 Q.K., l-Imperu Ruman wettaq fużjoni tal-insedjamenti kollha f'belt waħda. Dak iż-żmien, il-belt kien jisimha Iuvavum u ngħatat l-istatus ta' municipium Ruman fil-45 W.K. Iuvavum żviluppat f'belt importanti tal-provinċja Rumana ta' Noricum. Wara l-waqgħa tal-fruntiera ta' Noricum, Iuvavum malajr qabdet it-triq tan-niżla, tant li sal-aħħar tas-seklu 7 kważi saret għadd ta' fdalijiet biss.[4]
Skont Il-Ħajja ta' San Rupert il-belt reġgħet twieldet mill-ġdid bis-saħħa tal-qaddis tas-seklu 8. Meta Teodo tal-Bavarja staqsa lil Rupert isir isqof għall-ħabta tas-700, Rupert għażel l-inħawi tax-xmara bħala s-sit għall-bażilika tiegħu. Rupert għażel lil Iuvavum, ta s-saċerdozju lill-qassisin, u wettaq l-annessjoni tal-proprjetà ta' Piding. Rupert semma l-belt "Salzburg". Huwa vvjaġġa biex jevanġelizza fost il-pagani.
L-isem "Salzburg" ifisser litteralment "Kastell tal-Melħ" (bil-Latin: Salis Burgium). L-isem joriġina mill-barklori li kienu jġorru l-melħ fuq ix-xmara Salzach, u li kienu soġġetti għal noll fis-seklu 8 kif kien isir f'ħafna komunitajiet u bliet max-xmajjar Ewropej. Il-Fortizza ta' Hohensalzburg, il-fortizza tal-belt, inbniet fl-1077 mill-Arċisqof Gebhard, li għamilha r-residenza tiegħu. Ġiet imkabbra ferm matul is-sekli ta' wara.[5]
L-indipendenza mill-Bavarja ġiet żgurata fl-aħħar tas-seklu 14. Salzburg kienet is-sede tal-Arċiveskovat ta' Salzburg, prinċipat-veskovat tal-Imperu Ruman Sagru. Malli l-moviment tar-Riformazzjoni qabad ġmielu, beda jkun hemm irvelli fost ir-raħħala fl-inħawi ta' Salzburg u fil-madwar. Il-belt ġiet okkupata matul il-Gwerra tar-Raħħala Ġermaniżi, u l-Arċisqof kellu jaħrab għall-kenn tal-fortizza li ġiet assedjata għal tliet xhur sħaħ fl-1525.[6]
Eventwalment, it-tensjonijiet ikkalmaw, u l-indipendenza tal-belt wasslet għal żieda fil-ġid u fil-prosperità tal-belt, li laħqu l-qofol tagħhom fl-aħħar tas-seklu 16 sas-seklu 18 taħt il-Prinċpijiet u l-Arċisqfijiet Wolf Dietrich von Raitenau, Markus Sittikus, u Paris Lodron. Fis-seklu 17 l-arkitetti Taljani (u l-Awstrijaki li kienu studjaw l-istil Barokk) wettqu r-rikostruzzjoni taċ-ċentru tal-belt kif inhi fil-preżent flimkien mal-kostruzzjoni ta' bosta palazzi.[6]
Fil-31 ta' Ottubru 1731, il-214-il anniversarju tal-95 Teżi, l-Arċisqof u l-Konti Leopold Anton von Firmian iffirma Editt ta' Espulsjoni, l-Emigrationspatent, biex iċ-ċittadini Protestanti kollha jiċħdu t-twemmin mhux Kattoliku tagħhom. 21,475 ċittadin irrifjutaw li jiċħdu t-twemmin tagħhom u tkeċċew minn Salzburg. Il-biċċa l-kbira minnhom aċċettaw offerta mir-Re Friedrich Wilhelm I tal-Prussja, u vvjaġġaw tul il-Ġermanja kollha biex imorru jgħixu fil-Lvant tal-Prussja. Il-bqija insedjaw stati Protestanti oħra fl-Ewropa u l-kolonji Brittaniċi fl-Amerka ta' Fuq.[7]
Fl-1772-1803, taħt l-Arċisqof Hieronymus Graf von Colloredo, Salzburg kienet ċentru tal-Illuminiżmu aħħari. Colloredo huwa magħruf li kien wieħed mill-impjegaturi prinċipali ta' Mozart. Spiss kien jargumenta ma' Mozart u keċċih wara li qallu "Soll er doch gehen, ich brauche ihn nicht!" (Jitlaq; m'għandix bżonnu!). Mozart telaq minn Salzburg u mar lejn Vjenna fl-1781 flimkien mal-familja tiegħu, għalkemm missieru Leopold baqa' Salzburg għaliex kellu relazzjoni mill-qrib ma' Colloredo.
Fl-1803, l-arċiveskovat ġie sekolarizzat mill-Imperatur Napuljun li ttrasferixxa t-territorju lil Ferdinando III tat-Toskana, l-eks Gran Duka tat-Toskana, bħala l-Elettorat ta' Salzburg.
Fl-1805, Salzburg ġiet annessa mal-Imperu Awstrijaku, flimkien mal-Provosterija ta' Berchtesgaden.
Fl-1809, it-territorju ta' Salzburg ġie ttrasferit lir-Renju tal-Bavarja wara t-telfa li ġarrbet l-Awstrija f'Wagram.
Wara l-Kungress ta' Vjenna bit-Trattat ta' Munich (1816), Salzburg ġiet irritornata b'mod definittiv lill-Awstrija, iżda mingħajr Rupertigau u Berchtesgaden, li baqgħu tal-Bavarja. Salzburg ġiet integrata fil-Provinċja ta' Salzach u s-Salzburgerland ġie mmexxi minn Linz.[8]
Fl-1850, l-istatus ta' Salzburg reġa' ngħata bħala l-belt kapitali tad-Dukat ta' Salzburg, proprjetà ewlenija tal-Imperu Awstrijaku. Il-belt saret parti mill-Awstro-Ungerija fl-1866 bħala l-kapitali ta' proprjetà ewlenija tal-Imperu Awstrijaku. In-nostalġija tal-Era Romantika wasslet għal żieda fit-turiżmu. Fl-1892, ġie installat funikular biex jiffaċilita l-aċċess tat-turisti lejn il-Fortizza ta' Hohensalzburg.[9]
Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u x-xoljiment tal-Imperu Awstro-Ungariku, Salzburg, bħala l-kapitali ta' wieħed mit-territorji Awstro-Ungariċi, saret parti mill-Awstrija Ġermaniża l-ġdida. Fl-1918, kienet tirrappreżenta t-territorji residwi li kienu jitkellmu bil-Ġermaniż tal-qalba tal-Awstrija. Din ġiet sostitwita bl-Ewwel Repubblika Awstrijaka fl-1919, wara t-Trattat ta' Saint-Germain-en-Laye.
L-Anschluss (l-okkupazzjoni u l-annessjoni tal-Awstrija, inkluż Salzburg, fit-Tielet Reich) seħħet fit-12 ta' Marzu 1938, jum qabel referendum skedat dwar l-indipendenza tal-Awstrija. It-truppi Ġermaniżi daħlu fil-belt. L-oppożituri politiċi, iċ-ċittadini Lhud u minoranzi oħra sussegwentement ġew arrestati u deportati lejn il-kampijiet ta' konċentrament. Is-sinagoga ġiet meqruda. Wara li l-Ġermanja invadiet l-Unjoni Sovjetika, diversi kampijiet tal-priġunieri tal-gwerra għall-priġunieri mill-Unjoni Sovjetika u nazzjonijiet oħra għedewwa ġew organizzati fil-belt.
Matul l-okkupazzjoni Nażista, inbena kamp tar-Rom f'Salzburg-Maxglan. Kien Arbeitserziehungslager (kamp tax-xogħol "edukattiv"), li kien jipprovdi forza tax-xogħol imjassra lill-industrija lokali. Kien jintuża wkoll bħala Zwischenlager (kamp ta' tranżitu), fejn il-popolazzjoni Rom kienet tinżamm qabel id-deportazzjoni lejn kampijiet Ġermaniżi jew getti fit-territorji okkupati mill-Ġermaniżi fil-Lvant tal-Ewropa.[10]
Il-bombi tal-alleati qerdu 7,600 dar u qatlu lil 550 abitant. Ħmistax-il attakk mill-ajru qerdu 46 fil-mija tal-binjiet tal-belt, speċjalment dawk madwar l-istazzjon ferrovjarju ta' Salzburg. Għalkemm il-pontijiet tal-belt u l-koppla tal-katidral inqerdu, il-biċċa l-kbira tal-arkitettura Barokka baqgħet intatta. B'hekk, Salzburg hija waħda mill-ftit eżempji li għad fadal ta' belt ta' dak l-istil. It-truppi Amerikani daħlu fil-beltfil-5 ta' Mejju 1945 u saret iċ-ċentru taż-żona okkupata mill-Amerikani fl-Awstrija. Diversi kampijiet b'persuni spustjati ġew stabbiliti f'Salzburg — fosthom Riedenburg, il-Kamp Herzl (Franz-Josefs-Kaserne), il-Kamp Mülln, Bet Bialik, Bet Trumpeldor, u l-Palestina l-Ġdida.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Salzburg saret il-belt kapitali tal-Istat Federali ta' Salzburg (Land Salzburg) u l-Amerikani telqu miż-żona ladarba l-Awstrija ffirmat trattat tal-1955 li reġa' stabbilixxa l-pajjiż bħala nazzjon demokratiku u indipendenti u sussegwentement iddikjarat in-newtralità perpetwa tagħha. Fis-27 ta' Jannar 2006, il-250 anniversarju tat-twelid ta' Wolfgang Amadeus Mozart, il-35 knisja kollha ta' Salzburg daqqew il-moti bil-qniepen wara t-8:00 ta' filgħaxija (ħin lokali) biex jiċċelebraw l-okkażjoni. Ċelebrazzjonijiet kbar seħħew matul is-sena kollha.
Mill-2017 Salzburg kellha Prodott Domestiku Gross għal kull ras ta' €46,100, li kien ogħla mill-medja għall-Awstrija u għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej.[11]
Salzburg tinsab max-xtut tax-xmara Salzach, fil-konfini tat-Tramuntana tal-Alpi. Il-muntanji lejn in-Nofsinhar ta' Salzburg joħolqu kuntrast mal-pjanura bl-għoljiet tat-Tramuntana. L-eqreb quċċata Alpina, il-muntanja Untersberg għolja 1,972 metru, tinsab inqas minn 16-il kilometru 'l bogħod miċ-ċentru tal-belt. L-Altstadt, jew iċ-"ċentru storiku", huwa dominat mit-torrijiet u l-knejjes Barokki, kif ukoll mill-Fortizza enormi ta' Hohensalzburg. Maġenb din iż-żona hemm żewġ għoljiet iżgħar, magħrufa bħala Mönchsberg u Kapuzinerberg, li joffru riliev aħdar fi ħdan il-belt. Salzburg tinsab bejn wieħed u ieħor 150 kilometru fil-Lvant ta' Munich, il-Ġermanja, 281 kilometru fil-Majjistral ta' Ljubljana, is-Slovenja, u 300 kilometru fil-Punent ta' Vjenna. Salzburg għandha kważi l-istess latitudni ta' Seattle, l-Istati Uniti.
Minħabba l-prossimità tagħha mal-fruntiera bejn l-Awstrija u l-Ġermanja, iż-żona urbana ikbar ta' Salzburg xi kultant tqieset, b'mod mhux uffiċjali, li tinkludi partijiet kontigwi tal-Ġermanja, inkluż Freilassing (li sal-1923 kienet magħrufa bħala Salzburghofen), Ainring u Piding.
Salzburg hija parti miż-żona bi klima miti. Il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen tispeċifika l-klima bħala klima kontinentali umduża (Dfb). Madankollu, bl-iżoterm ta' −3 °C (27 °F) fl-iksaħ xahar, Salzburg tista' tiġi kklassifikata bħala belt li għandha klima oċeanika b'erba' staġuni, b'differenzi sinifikanti fit-temperatura minn staġun għall-ieħor. Minħabba l-post fejn tinsab fit-tarf tat-Tramuntana tal-Alpi, l-ammont ta' preċipitazzjoni huwa pjuttost għoli, l-iktar fix-xhur tas-sajf. Meta speċifikament ix-xita tinżel irxix, bid-djalett lokali din tissejjaħ Schnürlregen. Fix-xitwa u fir-rebbiegħa, ikun hemm irjieħ qalila tat-tip foehn li jseħħu regolarment.
Data klimatika għal Salzburg-Flughafen fl-1981-2010, temperaturi estremi mill-1874 sal-preżent | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 20.8
(69.4) |
21.7
(71.1) |
24.9
(76.8) |
30.3
(86.5) |
34.1
(93.4) |
35.7
(96.3) |
37.7
(99.9) |
36.6
(97.9) |
33.3
(91.9) |
28.2
(82.8) |
24.1
(75.4) |
19.1
(66.4) |
37.7
(99.9) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 3.2
(37.8) |
5.4
(41.7) |
10.2
(50.4) |
15.2
(59.4) |
20.3
(68.5) |
22.7
(72.9) |
25.1
(77.2) |
24.4
(75.9) |
20.0
(68.0) |
15.2
(59.4) |
8.2
(46.8) |
3.8
(38.8) |
14.5
(58.1) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | −1.1
(30.0) |
0.3
(32.5) |
4.6
(40.3) |
8.9
(48.0) |
14.0
(57.2) |
16.8
(62.2) |
18.9
(66.0) |
18.2
(64.8) |
14.0
(57.2) |
9.4
(48.9) |
3.7
(38.7) |
0.0
(32.0) |
9.0
(48.2) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | −4.0
(24.8) |
−3.0
(26.6) |
0.7
(33.3) |
4.3
(39.7) |
8.9
(48.0) |
12.1
(53.8) |
14.0
(57.2) |
13.8
(56.8) |
10.3
(50.5) |
6.0
(42.8) |
0.9
(33.6) |
−2.5
(27.5) |
5.1
(41.2) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −30.4
(−22.7) |
−30.6
(−23.1) |
−21.6
(−6.9) |
−9.2
(15.4) |
−3.4
(25.9) |
−0.1
(31.8) |
3.7
(38.7) |
2.0
(35.6) |
−3.0
(26.6) |
−8.3
(17.1) |
−18.0
(−0.4) |
−27.7
(−17.9) |
−30.6
(−23.1) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 59
(2.3) |
53
(2.1) |
87
(3.4) |
78
(3.1) |
115
(4.5) |
151
(5.9) |
158
(6.2) |
164
(6.5) |
112
(4.4) |
73
(2.9) |
72
(2.8) |
72
(2.8) |
1,195
(47.0) |
Borra medja f'cm (pulzieri) | 23
(9.1) |
24
(9.4) |
18
(7.1) |
2
(0.8) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
0
(0) |
10
(3.9) |
24
(9.4) |
101
(40) |
Umdità relattiva medja (%) (fis-14:00) | 71.4 | 63.5 | 56.9 | 51.3 | 51.2 | 54.3 | 52.6 | 55.2 | 58.4 | 61.9 | 70.0 | 74.9 | 60.1 |
Sors 1: L-Istitut Ċentrali għall-Meteoroloġija u l-Ġeodinamika[12][13][14][15] | |||||||||||||
Sors 2: Meteo Climat (temperaturi għoljin u baxxi rekord)[15] |
Data klimatika għall-Ajruport ta' Salzburg (1971–2000) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 16.3
(61.3) |
21.7
(71.1) |
24.9
(76.8) |
27.9
(82.2) |
32.2
(90.0) |
35.6
(96.1) |
37.7
(99.9) |
35.6
(96.1) |
32.1
(89.8) |
28.2
(82.8) |
23.5
(74.3) |
18.6
(65.5) |
37.7
(99.9) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 3.2
(37.8) |
5.6
(42.1) |
10.4
(50.7) |
14.3
(57.7) |
19.9
(67.8) |
22.2
(72.0) |
24.4
(75.9) |
24.2
(75.6) |
20.1
(68.2) |
14.8
(58.6) |
7.8
(46.0) |
4.0
(39.2) |
14.2
(57.6) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | −0.8
(30.6) |
0.7
(33.3) |
4.8
(40.6) |
8.5
(47.3) |
13.8
(56.8) |
16.5
(61.7) |
18.6
(65.5) |
18.3
(64.9) |
14.3
(57.7) |
9.3
(48.7) |
3.6
(38.5) |
0.4
(32.7) |
9.0
(48.2) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | −4
(25) |
−2.9
(26.8) |
0.7
(33.3) |
3.8
(38.8) |
8.4
(47.1) |
11.5
(52.7) |
13.5
(56.3) |
13.5
(56.3) |
10.1
(50.2) |
5.5
(41.9) |
0.6
(33.1) |
−2.5
(27.5) |
4.9
(40.8) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −25.4
(−13.7) |
−21.8
(−7.2) |
−21.6
(−6.9) |
−3.9
(25.0) |
−2.1
(28.2) |
2.0
(35.6) |
3.7
(38.7) |
4.3
(39.7) |
−1.6
(29.1) |
−8
(18) |
−17.8
(0.0) |
−26.8
(−16.2) |
−26.8
(−16.2) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 59.9
(2.36) |
54.7
(2.15) |
78.7
(3.10) |
83.1
(3.27) |
114.5
(4.51) |
154.8
(6.09) |
157.5
(6.20) |
151.3
(5.96) |
101.3
(3.99) |
72.6
(2.86) |
83.0
(3.27) |
72.8
(2.87) |
1,184.2
(46.62) |
Borra medja f'cm (pulzieri) | 24.0
(9.4) |
23.9
(9.4) |
21.7
(8.5) |
2.9
(1.1) |
0.1
(0.0) |
0.0
(0.0) |
0.0
(0.0) |
0.0
(0.0) |
0.0
(0.0) |
0.0
(0.0) |
12.1
(4.8) |
27.8
(10.9) |
112.5
(44.3) |
Medja ta' jiem ta' preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) | 10.1 | 9.5 | 11.9 | 11.8 | 12.1 | 15.0 | 14.4 | 13.2 | 10.8 | 9.3 | 10.8 | 11.8 | 140.7 |
Umdità relattiva medja (%) (fis-14:00) | 73.6 | 65.6 | 58.1 | 54.9 | 52.5 | 55.6 | 54.5 | 55.6 | 58.8 | 62.8 | 70.6 | 75.4 | 61.5 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 67.0 | 91.9 | 130.0 | 152.6 | 196.4 | 193.9 | 221.1 | 202.8 | 167.7 | 129.7 | 81.2 | 62.8 | 1,697.1 |
Perċentwal possibbli ta' xemx | 26.9 | 34.4 | 37.9 | 39.4 | 44.3 | 43.7 | 48.8 | 48.3 | 47.4 | 42.9 | 30.8 | 26.7 | 39.3 |
Sors: L-Istitut Ċentrali għall-Meteoroloġija u l-Ġeodinamika[16] |
Sena | Pop. | ±% |
---|---|---|
1869 | 27,858 | — |
1880 | 33,241 | +19.3% |
1890 | 38,081 | +14.6% |
1900 | 48,945 | +28.5% |
1910 | 56,423 | +15.3% |
1923 | 60,026 | +6.4% |
1934 | 69,447 | +15.7% |
1939 | 77,170 | +11.1% |
1951 | 102,927 | +33.4% |
1961 | 108,114 | +5.0% |
1971 | 129,919 | +20.2% |
1981 | 139,426 | +7.3% |
1991 | 143,978 | +3.3% |
2001 | 142,662 | −0.9% |
2011 | 145,367 | +1.9% |
2016 | 150,887 | +3.8% |
Sors: Statistik Austria[17] |
Il-popolazzjoni uffiċjali ta' Salzburg żdiedet b'mod sinifikanti fl-1935 meta l-belt assorbiet il-muniċipalitajiet biswitha. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, bosta refuġjati bdew jgħixu fil-belt. Inbena spazju residenzjali ġdid għas-suldati Amerikani tal-okkupazzjoni wara l-gwerra, u dan imbagħad seta' jintuża għar-refuġjati meta l-Amerikani telqu. Għall-ħabta tal-1950, Salzburg qabżet il-100,000 ċittadin, u fl-2016, laħqet il-150,000 ċittadin.
Salzburg tospita komunitajiet kbar ta' Ġermaniżi, Bożnijaċi, Serbi u Rumeni.
L-ikbar gruppi ta' immigranti sal-1 ta' Jannar 2021:
Il-Ġermanja | 7,816 |
Il-Bożnija-Ħerzegovina | 5,189 |
Is-Serbja | 4,805 |
Ir-Rumanija | 2,914 |
Il-Kroazja | 2,521 |
It-Turkija | 2,457 |
Is-Sirja | 1,947 |
L-Afganistan | 1,686 |
L-Ungerija | 1,595 |
L-Italja | 1,197 |
Il-knejjes Rumaneski u Gotiċi, il-monasteri u l-oqfsa tad-djar bikrin iddominaw il-belt Medjevali għal żmien twil. Il-Katidral tal-Arċisqof Konrad ta' Wittelsbach kienet l-ikbar bażilika fit-Tramuntana tal-Alpi. Il-kostruzzjoni tal-kor tal-Knisja Franġiskana nbdiet minn Hans von Burghausen u tlestiet minn Stephan Krumenauer. Il-kor huwa waħda mill-iżjed binjiet reliġjużi Gotiċi prestiġjużi fir-reġjun. Fl-aħħar tal-era Gotika nbnew il-Knisja Kolleġjali ta' "Nonnberg", il-Kappella ta' Margarita fiċ-Ċimiterju ta' San Pietru, il-Kappella ta' San Ġorġ u s-swali lussużi tal-"Hoher Stock" fil-Fortizza ta' Hohensalzburg.
Ispirat minn Vincenzo Scamozzi, il-Prinċep u Arċisqof Wolf Dietrich von Raitenau beda jittrasforma l-belt Medjevali skont l-ideali arkitettoniċi tar-Rinaxximent aħħari. Il-pjanijiet għal katidral enormi li kellu Scamozzi qatt ma twettqu wara l-waqgħa tal-arċisqof. Minflok inbena katidral ieħor ippjanat minn Santino Solari bħala l-ewwel knisja Barokka bikrija f'Salzburg. Serviet bħala eżempju għal bosta knejjes oħra fin-Nofsinhar tal-Ġermanja u fl-Awstrija. Markus Sittikus u Paris von Lodron komplew ir-rikostruzzjoni tal-belt b'diversi proġetti kbar bħal dak tal-Palazz ta' Hellbrunn, ir-residenza tal-prinċep u l-arċisqof, il-binjiet tal-università, il-fortifikazzjonijiet, u bosta binjiet oħra. Giovanni Antonio Daria, fuq ordni tal-Prinċep u Arċisqof Guido von Thun, ħa ħsieb il-kostruzzjoni tal-bir residenzjali. Giovanni Gaspare Zuccalli, fuq ordni tal-istess arċisqof, ħoloq il-Knisja ta' Erhard u l-Knisja ta' Kajetan fin-Nofsinhar tal-belt. Id-disinn mill-ġdid tal-belt tlesta bil-binjiet iddisinjati minn Johann Bernhard Fischer von Erlach, li ngħataw b'donazzjoni mill-Prinċep u l-Arċisqof Johann Ernst von Thun.
Wara l-era ta' Ernst von Thun, it-tkabbir tal-belt waqaf ħesrem, u din hija r-raġuni għalfejn ma hemm l-ebda knisja mibnija bl-istil Rokokò. Sigismund von Schrattenbach kompla bil-kostruzzjoni tas-"Sigmundstor" u tal-istatwa ta' Santa Marija fil-pjazza tal-katidral. Bil-waqgħa u d-diviżjoni tal-eks "Fürsterzbistum Salzburg" (l-Arċiveskovat) li spiċċa f'idejn l-Awstrija ta' Fuq, il-Bavarja (Rupertigau) u t-Tirol (Zillertal Matrei), beda perjodu twil ta' staġnar urban. Din l-era ma spiċċatx qabel il-perjodu tal-promozzjoniżmu (Gründerzeit) ta spinta ġdida lill-iżvilupp urban. Id-dinastija tal-bennejja Jakob Ceconi u Carl Freiherr von Schwarz okkupat il-karigi ewlenin u sawret il-belt f'din l-era.[18]
Il-binjiet tal-moderniżmu klassiku u b'mod partikolari tal-moderniżmu wara l-gwerra huma frekwenti f'Salzburg. Xi eżempji huma d-dar ta' Zahnwurzen (dar f'Linzergasse 22 eżatt f'nofs iċ-ċentru storiku), il-"Lepi" (banjijiet pubbliċi f'Leopoldskron li nbnew fl-1964) u ċ-ċentru tal-kungressi oriġinali li nbena fl-1957 f'Salzburg, li ġie sostitwit b'binja ġdida fl-2001. Eżempju importanti u famuż ta' arkitettura ta' din l-era hija l-ftuħ fl-1960 tal-Großes Festspielhaus magħmula minn Clemens Holzmeister.
Iż-żieda ta' arkitettura kontemporanja fiċ-ċentru storiku ta' Salzburg mingħajr ma tissogra li titlef l-istatus tagħha ta' Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO hija problematika. Minkejja dan, xi strutturi ġodda ġew miżjuda: il-Mozarteum fil-Ġnien Barokk ta' Mirabell (arkitettura ta' Robert Rechenauer)[19], il-Binja tal-Kungressi tal-2001, l-Unipark Nonntal tal-2011 (arkitettura ta' Storch Ehlers Partners), il-pont ta' "Makartsteg" tal-2001 (arkitettura ta' HALLE1), u d-"Dar Residenzjali u l-Istudjo" tal-arkitetti Christine u Horst Lechner f'nofs iċ-ċentru storiku ta' Salzburg (li rebħet il-premju tal-arkitettura ta' Salzburg fl-2010).[20][21] Xi eżempji oħra ta' arkitettura kontemporanja jinsabu barra ċ-ċentru storiku: il-binja tal-Fakultà tax-Xjenza tal-Università ta' Salzburg – arkitettura ta' Willhelm Holzbauer) li nbniet fit-tarf ta' spazju aħdar liberu, l-arkitettura stramba tar-Red Bull Hangar-7 (arkitettura ta' Volkmar Burgstaller)[22] fl-Ajruport ta' Salzburg, li jospita l-Barrin Itiru ta' Dietrich Mateschitz u l-Europark Shopping Centre (arkitettura ta' Massimiliano Fuksas).
Iċ-Ċentru Storiku tal-Belt ta' Salzburg ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3]
Il-valur universali straordinarju tal-belt ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterju tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]
Salzburg għandha erba' u għoxrin distrett u tliet popolazzjonijiet ekstraurbani. Id-distretti urbani (Stadtteile) huma:
Il-popolazzjonijiet ekstraurbani (Landschaftsräume) huma:
Salzburg hija belt li tilqa' ħafna turisti, u l-għadd ta' viżitaturi jkun ikbar mill-għadd ta' ċittadini bil-kbir fl-eqqel tal-istaġuni tat-turisti. Minbarra d-dar fejn twieled Mozart li ssemmiet iktar 'il fuq, postijiet notevoli oħra jinkludu:
Iċ-Ċentru Storiku
Barra miċ-Ċentru Storiku
Iż-Żona Ikbar ta' Salzburg
Salzburg hija ċentru tal-edukazzjoni u tospita tliet universitajiet, kif ukoll diversi kulleġġi professjonali u gymnasium (skejjel postsekondarji).
Is-Salzburg Hauptbahnhof huwa moqdi minn konnessjonijiet ferrovjarji komprensivi, f'ferroviji frekwenti mil-Lvant għall-Punent li jikkollegaw il-belt ma' Vjenna, Munich, Innsbruck, u Zürich, inkluż servizzi ICE ta' veloċità għolja kuljum. Il-konnessjonijiet ferrovjarji mit-Tramuntana għan-Nofsinhar jikkollegaw il-belt ukoll ma' destinazzjonijiet popolari bħal Venezja u Praga. Il-belt isservi bħala ċentru tat-trasport għall-ferroviji b'traġitt lejn in-Nofsinhar mill-Alpi.
L-Ajruport ta' Salzburg għandu titjiriet skedati lejn bliet Ewropej bħal Frankfurt, Vjenna, Londra, Rotterdam, Amsterdam, Brussell, Düsseldorf, u Zürich, kif ukoll Hamburg, Edinburgu u Dublin. Minbarra t-titjiriet skedati lejn dawn il-bliet, hemm bosta titjiriet mikrija.
Fiċ-ċentru tal-belt, hemm is-sistema tat-trolleybus u tal-karozzi tal-linja ta' Salzburg b'total ta' iktar minn 20 linja, u servizz kull għaxar minuti. Salzburg għandha sistema ta' S-Bahn b'erba' Linji (S1, S2, S3, S11), u l-ferroviji jitilqu mill-istazzjon ċentrali kull 30 minuta, u jiffurmaw parti min-network ÖBB. Il-linja suburbana S1 twassal sal-Kappella famuża ta' O Lejl ta' Skiet f'Oberndorf f'madwar 25 minuta.
Fis-snin 60 tas-seklu 20, il-film The Sound of Music, ibbażat fuq storja vera ta' Maria von Trapp, li ħadmet ma' familja aristokratika u ħarbet l-Anschluss Ġermaniż, inħadem f'diversi postijiet f'Salzburg u fil-madwar tal-belt u tal-istat ta' Salzburg.
Il-belt tidher għal żmien qasir fuq il-mappa meta l-protagonist Indiana Jones jivvjaġġa tul il-belt fil-film Indiana Jones and the Last Crusade.
F'Salzburg ġiet ambjentata s-sensiela kriminali Awstrijaka Stockinger.
Fil-film tal-2010 Knight & Day, Salzburg tintuża bħala sfond għal parti kbira mill-film.
Il-Ġermaniż tal-Awstrija huwa mifrux ferm fil-kitba u jvarja mill-Ġermaniż standard fi ftit vokabularju u ftit kwistjonijiet grammatikali. Salzburg tagħmel parti mir-reġjun tad-djaletti Awstro-Bavarjani, b'mod partikolari l-Bavarjan Ċentrali.[26] Dan huwa mitkellem ferm miż-żgħażagħ u mill-anzjani għalkemm il-professuri tal-lingwistika mill-Università ta' Salzburg, Irmgard Kaiser u Hannes Scheutz, osservaw li f'dawn l-aħħar ftit snin kien hemm tnaqqis fl-għadd ta' kelliema tad-djalett fil-belt.[27][28] Għalkemm iktar u iktar tfal tal-iskola qed jitkellmu l-Ġermaniż standard, Scheutz tħoss li din hija kwistjoni iktar ta' konsum tal-midja milli ta' influwenza mill-ġenituri.[29]
L-eks tim tal-futbol SV Austria Salzburg wasal sal-finali tat-Tazza UEFA fl-1994. Fis-6 ta' April 2005, ir-Red Bull xtraw il-klabb u bidlulu ismu għal FC Red Bull Salzburg. Il-grawnd tagħhom huwa l-Wals Siezenheim Stadium f'subborg tal-agglomerazzjoni ta' Salzburg u kien wieħed mill-grawnds fejn sar il-Kampjonat Ewropew tal-Futbol tal-2008. It-tim tal-FC Red Bull Salzburg jilgħab fil-Bundesliga tal-Awstrija.
Wara li r-Red Bull xtraw l-SV Austria Salzburg u bidlulu ismu u l-kuluri tat-tim, xi partitarji tal-klabb preċedenti ddeċidew li jitilqu u jiffurmaw klabb ġdid bl-isem u l-kuluri l-antiki, għaliex riedu jippreservaw it-tradizzjonijiet tal-klabb tagħhom. L-SV Austria Salzburg irriformat ġie stabbilit fl-2005 u attwalment jilgħab fl-Erste Liga, diviżjoni waħda 'l isfel mill-Bundesliga.
Ir-Red Bull jisponsorjaw ukoll it-tim tal-ice hockey lokali, l-EC Salzburg Red Bulls. It-tim jilgħab fl-Erste Bank Eishockey Liga, kampjonat tranfruntier b'kwartieri ġenerali fl-Awstrija li fih jilagħbu l-aqwa timijiet mill-Awstrija, mill-Ungerija, mis-Slovenja, mill-Kroazja u mill-Italja, kif ukoll tim wieħed miċ-Ċekja.
Salzburg kienet belt kandidata għal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa fl-2010 u fl-2014, iżda tilfet il-kandidatura ma' Vancouver, il-Kanada u ma' Sochi, ir-Russja rispettivament.
Salzburg hija ġemellata ma':